Monday, September 28, 2009

Ħajku 35

Nitħajjar għax-xejn
spartan materjali, 'mma
mbagħad b'xiex ħa nehda?

Saturday, September 26, 2009

Ħajku 34

Is-sliem għalik, fost
l-għeżeż kontli dejjem u
l-assurd taffejtli.

Wednesday, September 23, 2009

Tmiem il-ġimgħa

Dil-magħmudija
xurbana
riħa tal-loppju potenti
tal-Apatija,
mgħottija
b'tapezzerija ta' remettar u duħħan,
is-Sibt filgħaxija.

Infittixni f'għajnejja
w ma nsibnix
ħlief, forsi, f'ħarba
mit-Tnejn,
f'gallarija marradija,
nittawwal
minn wara d-daħna
tas-Sibt filgħaxija
u ma naranix.

Sunday, September 20, 2009

Ħajku 33

Tant għandi xi ngħid
li l-Miklem eżawrejtu;
imbagħad ġie l-ħajku.

Thursday, September 17, 2009

Mkien

Bejn sema u ilma
titbaskat f'imluħek,
titgeżwer fiż-żmien.

Jiltaqgħu, jitwaħħdu
fik, dari u ċ-ċella,
il-bojja w l-għajxien.
-
Interraq band'oħr'
għax inħossni nimtela
bil-ġuħ għall-ħelsien;

nixtieqek, u nsalpa
ħa nerġa' nxomm abtek,
ħa nħossni għejjien.
-
Timbotta w tiġbidni;
bieb nofsu miftuħ -
int, li tiegħi l-imkien.

Friday, September 11, 2009

Tanka 1

Mhux li kieku l-Kliem,
bħall-Ħajja, jagħraf jagħżel
qabel jitkattar!
Kieku, imma, l-Puliċinell
imut mingħajr ossiġnu...

Monday, September 7, 2009

Ħajku 32

Fis-Sajf nitkarrab
għax-Xitwa u fix-Xitwa
nittertaq għas-Sajf.