Wednesday, December 30, 2009

Ħajku 39

Aktar ma nżidu
fl-età, iktar is-sena
tlebbet biex taħrab.

Tuesday, November 17, 2009

Rikorrenza dejjiema

inża',
ħa nifli kull xaqq
bejn ruħek u ġismek -
taqsamlix qalbi
w ma naqsamlekx xofftok
-
rokna mudlama
tbissima beżgħana
twerżieq fis-skiet
tifkiriet
ta' tfulija
ħelwa bħaz-zokkor
imdewwed

Mikrobi

Mikrobi.
      Ma aħna xejn;
            ħlief għalina w għal mikrobi bħalna,
            insinifikanti;
      ma aħna xejn.

      Nitqatlu,
            avolja wensna mikrobi bħalna,
            insinifikanti ħlief għalina,
      nitqatlu.

      U nieklu 'l xulxin.
Mikrobi.

Tikka

Fik insib il-għaxqa tiegħi
u fik insib kundann'ti,

inti li
twellidni,
tferraħni,
tbikkini,
tfarraġni
w toqtolni;

wellidtni fis-sħana mwennsa ta' benniena
biex qtiltni fil-kesħa ggassjata ta' Auschwitz.

It-tikka kaħlija ta' Sagan:
tikka minn biljun biljun tikk' oħra,
dik int,
u mikrobu minn biljun biljun mikrobu fik,
dak jien.

U tibqa' int l-imħabba tiegħi
u tibqa' int imrammti.

Sunday, November 15, 2009

Ħajku 38

Kiltlek ilsienek
għax snienek beżżgħuni
jhedduni bil-mewt.

Tuesday, November 10, 2009

Ħajku 37

Il-bila bżaqtha
bit-tabella, "Bila Hawn:
Jekk tirfes għax trid".

Saturday, November 7, 2009

Skizz

It-toroq alternattivi alternati li
naħsbu
nfasslu
nippjanaw
noħolmu
jafu jieħdu xeħta fantastika
pjuttost jafu jkunu ħelwin wisq
fl-assurdità fil-bluha tagħhom.

Monday, November 2, 2009

Tanka 3

Intlift, f'dix-xmara
mgeġwġa ta' kliem ta' fejda;
x'konna qed ngħidu?
Smajtek; moħħi ma jridx u,
xorta, ġismi wisq dgħajjef.

Monday, October 26, 2009

Ħajku 36

Is-sema mkewkba
mafkar kiesaħ li d-dinja
l-iċken mikrobu.

Tuesday, October 20, 2009

Tanka 2

"Aħna xbiehtu,
fassalna", il-Bxara, bid-
daħka, xandruli.
Mela jew artiġġjan fqir
jew l-oriġini dagħwa.

Monday, September 28, 2009

Ħajku 35

Nitħajjar għax-xejn
spartan materjali, 'mma
mbagħad b'xiex ħa nehda?

Saturday, September 26, 2009

Ħajku 34

Is-sliem għalik, fost
l-għeżeż kontli dejjem u
l-assurd taffejtli.

Wednesday, September 23, 2009

Tmiem il-ġimgħa

Dil-magħmudija
xurbana
riħa tal-loppju potenti
tal-Apatija,
mgħottija
b'tapezzerija ta' remettar u duħħan,
is-Sibt filgħaxija.

Infittixni f'għajnejja
w ma nsibnix
ħlief, forsi, f'ħarba
mit-Tnejn,
f'gallarija marradija,
nittawwal
minn wara d-daħna
tas-Sibt filgħaxija
u ma naranix.

Sunday, September 20, 2009

Ħajku 33

Tant għandi xi ngħid
li l-Miklem eżawrejtu;
imbagħad ġie l-ħajku.

Thursday, September 17, 2009

Mkien

Bejn sema u ilma
titbaskat f'imluħek,
titgeżwer fiż-żmien.

Jiltaqgħu, jitwaħħdu
fik, dari u ċ-ċella,
il-bojja w l-għajxien.
-
Interraq band'oħr'
għax inħossni nimtela
bil-ġuħ għall-ħelsien;

nixtieqek, u nsalpa
ħa nerġa' nxomm abtek,
ħa nħossni għejjien.
-
Timbotta w tiġbidni;
bieb nofsu miftuħ -
int, li tiegħi l-imkien.

Friday, September 11, 2009

Tanka 1

Mhux li kieku l-Kliem,
bħall-Ħajja, jagħraf jagħżel
qabel jitkattar!
Kieku, imma, l-Puliċinell
imut mingħajr ossiġnu...

Monday, September 7, 2009

Ħajku 32

Fis-Sajf nitkarrab
għax-Xitwa u fix-Xitwa
nittertaq għas-Sajf.

Thursday, August 27, 2009

Sunett LX

L-istess bħall-mewġ li jterraq lejn ix-xatt,
Hekk jgħaġġlu l-waqtiet tagħna lejn it-tmiem;
Kull wieħed b'post ma jiġi lura qatt,
F'sekwenza bieżla jterrqu 'il quddiem.
Il-bidu, mwelled f'baħar ġdid ta' dawl,
Iħakwek lejn il-milja, jdandan klil,
Żvinturi kontra saħħtu jikkonġraw,
U ż-Żmien, li darba ta, jintraddlu qliel.
Iż-Żmien iniffed fjur l-għomor żagħżugħ,
Fi ħniedaq xierfa ġbin il-ġmiel imut,
Bil-kewn safi u rari jsodd il-ġuħ,
bil-minġel kull ma hu jisfa’ maħsud:
Imma 'l quddiem, dal-versi, 'tul iż-żmien,
Jidwu w jerfgħuk, minkejja ż-Żmien kifrien.

Imniffsa minn W Shakespeare, interpretata u tradotta b'dedika lill-Waqu.

Monday, August 10, 2009

Ħajku 31

Niżżel u Talla',
għal xi għaref, jinkitbu
Dawnlowd u Aplowd.

Wednesday, July 29, 2009

Ħajku 30

Il-qisien huma
l-imwiet u t-twelidijiet
li ngħaddu minnhom.

Sunday, July 19, 2009

Ħajku 29

U qisna ninsew
li, bejn l-iswed u l-abjad,
hemm baħar ta' griż.

Monday, July 6, 2009

Ħajku 28

F'ġirjet il-ħajja
nindiehex mit-tmiem... altru
milli atleta!

Saturday, July 4, 2009

Ħajku 27

Ċertu mużika
taqtagħli biljett dinji
bla ma nitħarrek.

Thursday, July 2, 2009

Ħajku 26

Ħajja għal dejjem
irridha f'did-dinja, mhux
f'Ġenen u mfakar.

Ħajku 25

Dawwar platt ieħor!
Dalwaqt isir il-ħin u
tintefa x-xemgħa!

Wednesday, July 1, 2009

Ħajku 24

Kalċi bl-eliżir:
ċans għal ħajja perpetwa.
Ma nafx irridux.

Tuesday, June 30, 2009

Ħajku 23

Xorta tismagħni
meta nitħaddet bilmod;
għalfejn qed ngħajjat?

Wednesday, June 24, 2009

Ħajku 22

Din it-tbegħida
ta' driegħ ikkankrat tweġġa'
daqs kemm hemm bżonnha.

Ħajku 21

Battalja man-nagħas;
nistennik tasal fis-skiet,
avolja għalxejn.

Tuesday, June 23, 2009

Ħajku 20

Żifna f'tarf l-irdum;
jew nissoktaw bil-bewsa
jew nisktu fl-abbiss.

Monday, June 22, 2009

Neda fl-Iran

Tnehida taż-żgħożija minxura;
magħmudija mdemmija
fit-tarmak moqli f'żejtu;
artal inċensat,
insensat,
qalb id-deżert
li qalbu nixfet -

inkorlat
jarda' l-fatat mifsud ta' bintu...

Ilsna mqaċċta
f'ism il-Qodos... B'ism il-Laħi
l-ħalq meħjut.
Dan li tat, ir-Rivoluzzjoni...

Mis-salott, bejn laptop u kafè,
id-dinja ddur fuq fusha.

Thursday, June 18, 2009

Ħajku 19

Ma tispjegalix,
ix-xjenza, għalfej' inħobb
l-assurd bis-saħħa.

Wednesday, May 20, 2009

Ħajku 18

Tpoġġejna ġo vojt
li nippruvaw insoddu
b'xama' frivola.

Monday, May 18, 2009

Ħajku 17

L-assurd sellimli;
"illum hawn u għada le",
sefsifli sielem.

Tuesday, April 28, 2009

Ħajku 16

Dendel karrotta
ħa nlebbet għal warajha;
mifjun nistenna.

Tuesday, February 17, 2009

Sisifu

Nerġa' nitgerbeb,
qisni l-iblah,
għax niftakar li bejnietna
kollox suf li jtir mar-riħ u
jagħmel għoqda
f'dan l-istonku
mherri b'xorb u sigaretti.

Tlugħ u nżul ix-xemx:
diż-żobb ta' xemx
li tittamani
bix-xinxilli

u jien, b'għajnejn jixgħelu,
nitla' s-sema
b'ruħi w ġismi,
qisni l-Verġni.

Murtal, int; imgħannqa ntiru
sakemm issabbatni 'l isfel.

Nitfarfar, nerġa nitla';
nitla' l-ġenna
mgħannaq miegħek
għax tilqani;

ma nitgħallimx li,
f'dil-kukkanja,
is-sorpriża diġa' nafha.

Sisifu:
dak jien. U int,
Pandora mgħarrqa,

int tniġġiżli ruħi bik
u żżommh' għaddeja.

Saturday, February 14, 2009

Ħemda tqila

Vrus b'ismek imdeheb
għalik li ttarraxt;

ingħalaqt mir-riħ
u blajt Il-muftieħ

biex la ħadd ma jidħol
u l-anqas int tiftaħ.

Jiena nistenn' hawn,
bħal ruħ fi flixkun,

nistenna fis-skiet
li jbatti l-inkwiet;

laqqgħalna l-ħabbiet,
għid xi ħaġa.