Monday, May 31, 2010

leħħa ta' mument

F'leħħa mħarħra ta' mument
għalaqt għajnejk
u għebt quddiemi,
b'ċajta funebra, ironika:

jiżżewwaq
il-ferment tal-ħajja tagħna
bid-diqa
tat-torment t'għeluq ħaddieħor.

Tbissimt
għal leħħa mitlufa ta' mument
sakemm bkejt
u komplejt
il-mixja
b'tiżwiqa
ħelwa-morra,
b'barżakka kemm kemm itqal.

Saturday, May 29, 2010

iddur il-pellikola

iddur il-pellikola
għalina wkoll, in-nies bla wiċċ
li lbiesna ma jgħajjatx;

li mat-twelid tpoġġejna
direttur, attur, udjenza,
quddiem nett
mal-liżar tal-kuxjenza
ta' ħajjitna;

li fi ftit żmien
ser nintesew
bħan-nefħa ta' nifs sħun mal-ħġieġ fix-Xitwa;
nevaporaw u x-xemx tibqa' titla'
għax trab konna w trab insiru;

imma, għalissa,
iddur il-pellikola

Tuesday, May 25, 2010

Ħajku 45

baga f'wiċċ il-mewġ..
daqqa fuq u daqqa taħt,
tbaħħar l-ilmijiet

Sunday, May 23, 2010

festa

Viva l-Qaddis
fuq pedestall
ta' banda, birra, logħob tan-nar
-- spalankalna
bieb il-Ġenna
li xtrajniha
b'ġabra bieb bieb
u b'demm il-Martri
- "Agħtihom il-mistrieħ" -
li tqattgħu biċċiet
mid-delizzju
u li sabu l-Ġenna
fis-santa li għamlulhom,
b'wiċċhom stampat
taħt il-Qalb ta' Ġesù
jitbissem,
forsi ftit imbikkem,
għax dis-sena
tan-naħa l-oħra
ġabru iktar

għożża

fetħet,
fewħet, lewnet
meta nżergħet;
ix-xita sqietha,
ix-xemx temgħetha,
l-iljieli dewquha l-kenn,
is-satra, l-hena, l-għera, l-għata..

bix-Xitwa, bil-kiefra Xitwa,
fjurha għeb;
ħaraqha r-riħ;
zokkitha xrief, mikul, immarrad

għeruqha biss baqgħu;
midfunin, mifruxin;
mafkar ta' meta darba, darbtejn, warrad

Thursday, May 13, 2010

Ħajku 44

u kemm-il darba
s-sillabi jispiċċawlna
qabel naraw it-

Wednesday, May 12, 2010

Ħajku 43

Loqma f'wiċċ l-ilma;
jiġri l-kurrent 'il quddiem,
f'mogħdijiet ġodda.

Sunday, May 9, 2010

Aħna

jiena, inti
leħħa
fl-imżewqa rakkonti tal-Bniedem;
il-Bniedem qatra
fil-baħar imqalleb tad-Dinja;
id-Dinja tikka
f'mixgħela fl-immens tal-Ħalbija;
l-Ħalbija traba
fil-kobor bla tarf fis-sema

U xorta nħossu li l-ħolqien
qed idur magħna.

Monday, May 3, 2010

feniċe

     feniċE
    feniĊ
   fenI
  feN
 fE
F

Saturday, May 1, 2010

Ħajku 42

Fewwaħ, is-sagħtar,
maġenb widnet il-baħar,
u sama' ċ-ċafċif.

Kantaliena

u jitla' w jinżel,
iċ-ċafċif,
u jitla' w jinżel;

jiġu u jmorru,
il-jiem tal-ġimgħa,
jiġu u jmorru

bħall-istaġuni;
imorru w jiġu
bħall-istaġuni

u x-xemx u l-qamar;
jaħmu u jberrdu,
ix-xemx u l-qamar.

Waqgħet hi, mrammti!
W'erġ'ibni!, qallu,
w'erġ'ibni mrammti!

'mma l-ġebel għosfor!
B'miljun ċafċifa,
il-ġebel għosfor;

iċ-ċafċif ġarru;
ix-xemx kidditu
u ċ-ċafċif ġarru

u baqa' r-ramel;
fejn kien il-ġebel,
baqa' biss ramel

għat-taħlita...