Sunday, August 29, 2010

Saħħàra

Saħħàra, saħħartni, bħal Shakespeare; blajtni, bħal Rużar;
hewwajtni w hemmejtni, bħan-noti ta' Chopin. L-
arloġġ, għal ftit, waqaf, sakemm il-lejl boloq,
riġlejn Nureyev telqu, Matisse dbiel u
Ovide ntesa. Saħħartni, għal ftit, u
niffistni.

Wednesday, August 18, 2010

dittatorwelljana

wara żjara s-Sirja

fjuri biss għall-omnipreżenti;
imbissem iżejjen il-ħitan;
ma jaqlax għajnejh,
għajnejh liżar;
kulħadd imħares,
kulħadd imgeżwer
taħt il-lenti

l-anġli delegati
jħufu bla qatigħ
benevolenti biex
ħadd ma jidneb
ħadd ma jikser
ħadd ma jilwi...
ħadd...
l-anqas fis-skiet ta' qalbu

u jekk l-anġli jindunaw
jiżguraw li l-għolliq u l-ħurrieq jitneħħa baxx baxx
u jintesa
daqs li kieku qatt ma kien

jitħallew biss
il-fjuri jfewħu,
artifiċjali -
banali, konvenzjonali -
fjuri biss għall-omnipotenti