Tuesday, November 17, 2009

Tikka

Fik insib il-għaxqa tiegħi
u fik insib kundann'ti,

inti li
twellidni,
tferraħni,
tbikkini,
tfarraġni
w toqtolni;

wellidtni fis-sħana mwennsa ta' benniena
biex qtiltni fil-kesħa ggassjata ta' Auschwitz.

It-tikka kaħlija ta' Sagan:
tikka minn biljun biljun tikk' oħra,
dik int,
u mikrobu minn biljun biljun mikrobu fik,
dak jien.

U tibqa' int l-imħabba tiegħi
u tibqa' int imrammti.

No comments:

Post a Comment