Tuesday, October 12, 2010

Ħajku 47 - ħajja

banju silġ, labar;
sajjetta; mix-xejn għall-kewn
fil-kewn; lur' għax-xejn

Sunday, October 10, 2010

Tanka 8 - ħajta

idur il-magħżel,
u tinseġ ħjut imwaħħad...
possibiltajiet,
għażliet... u l-ħajta tiġri...
torbot, tgħaqqad, taqta' s-skiet

Thursday, October 7, 2010

ċajta

iqandel 
'il-ħajja lejn il-quċċata
biex,
met' għoddu wasal,
tiżloqlu w titgerber
għal isfel
u, bħall-kurnut,
jerġa', mill-bidu,
iqandel 
'il-ħajja' lejn il-quċċata

Sunday, October 3, 2010

ċirklu

kompli aqdef bil-monoċikletta...
qalbek miksura, ruħek minxura,
l-applaws jirbombja;
karikatura...

kompli aqdef f'ċirku,
faqqa' ċ-ċajt,
oħlom sieket,
mogħmi bl-għaraq,
id-dwal jgħammex,
l-istorbju jordom...

kompli aqdef; ħalqek imċarrat:
gandott mnejn ruħek tinqata'
w tfexfex,
sakemm id-dawl jiskot,
iċ-ċirklu jorqod,
ir-rota tnin...

Saturday, October 2, 2010

ċirku

ċiklu

sakemm nfetħu għajnejhom ma' lwienhom u, ftit ftit, tgħallmu jtiru, imġienen għall-ħarba. Segwihom; għall-ewwel minn ħdejhom, sakemm, ftit ftit, tbiegħdu wieħed wieħed u telqu; telqu w ħallewh rassenjat li ħidmietu spiċċat.

Il-ħelsien sikru fih sakemm, wieħed wieħed, rabbew l-għeruq fejn wassalhom ir-riħ, u, ftit ftit, bdew jifhmu ħajjet iċ-ċirku w ċirket il-ħajja, il-mewġ iħabbat, it-taħbit tar-riħ, tlugħ u nżul ix-xemx, iċ-ċiklu ma jintemmx,

Wednesday, September 29, 2010

Novembru

Qed jaqleb Novembru;
ix-xita u r-riħ bdew jiżfnu mas-sena,
jmexxuha sat-tmiem.
Il-ksieħ tal-iljieli qed jifrex subgħajh
u jerġa' jitgħannaq mal-jiem;

Sa ftit taż-żmien ilu isimna,
taħt qamar mixgħul, ħarbixna fir-ramel
għad-dawl ta’ ħuġġieġa qed tilgħaq il-lejl;
b’ħarsa, mingħajr bżonn il-kliem.

Il-mewġ, bl-akbar heda, ħassarna;
tħallejna, w reġa' ħassarna -
Naqqaxtek fi driegħi b'musmar;
biex miegħi inġorrok sat-tmiem.

U ismek baqagħli farrett
fil-laħam il-ħaj, ifakkarni
kif belgħek il-mewġ,
kif geżwrek iċ-ċpar,
kif ħadna w dawwarna iż-żmien.

Au revoir, forsi jkun,
la dat-temp jerġa' jdur
u t-toroq, xi darba, f'salibhom jiltaqgħu

la jgħibu ix-xita u s-silġ ta' dax-xhur...
forsi nerġgħu nintilfu bla kliem...

Sunday, September 12, 2010

tiftakar?

issa
fergħejn, ftaħna, għalina;
xmarejn, tbiegħdna, għal rasna;

dawl - dlam; fuq - isfel; lvant - punent --
ix-xemx tgħallmet tagħrafna;
l-arloġġi saru tnejn,

u issa kważi nsejna li,
sa ftit ilu,
kilna mill-istess ħamrija,
xrobna mill-itess għajn
u s-sema,
bnazzi, sħab, jew kwiekeb,
kienet waħda

Sunday, August 29, 2010

Saħħàra

Saħħàra, saħħartni, bħal Shakespeare; blajtni, bħal Rużar;
hewwajtni w hemmejtni, bħan-noti ta' Chopin. L-
arloġġ, għal ftit, waqaf, sakemm il-lejl boloq,
riġlejn Nureyev telqu, Matisse dbiel u
Ovide ntesa. Saħħartni, għal ftit, u
niffistni.

Wednesday, August 18, 2010

dittatorwelljana

wara żjara s-Sirja

fjuri biss għall-omnipreżenti;
imbissem iżejjen il-ħitan;
ma jaqlax għajnejh,
għajnejh liżar;
kulħadd imħares,
kulħadd imgeżwer
taħt il-lenti

l-anġli delegati
jħufu bla qatigħ
benevolenti biex
ħadd ma jidneb
ħadd ma jikser
ħadd ma jilwi...
ħadd...
l-anqas fis-skiet ta' qalbu

u jekk l-anġli jindunaw
jiżguraw li l-għolliq u l-ħurrieq jitneħħa baxx baxx
u jintesa
daqs li kieku qatt ma kien

jitħallew biss
il-fjuri jfewħu,
artifiċjali -
banali, konvenzjonali -
fjuri biss għall-omnipotenti

Monday, July 19, 2010

Tanka 7

jiddejjem, jiqsar,
jixxejjen, jitwal, jogħsfor,
jiġri, jmut, jeħel,
jgħib, jillajma, jitgħażżen,
jitgerbeb, jintemm, il-ħin

Saturday, July 17, 2010

Tanka 6 - tankaħolma



ngħalqu għajnejna...
ninqatgħu 'il fuq, fejn il-
qalb m'għandha ħakem
ħlief lilha nfisha... 'il bogħod...
'il bogħod... 'il bogħod... 'il bogħod... 'il...

Ħajku 46 - ħajkuħolma

f'ħolma l-univers
insawruh kif nixtiquh...
nitfuh, nixgħeluh

Saturday, July 10, 2010

Santa Marija

Reġgħet, il-bajja, mballata bil-foki
eżiljati mir-rutina, għall-mistrieħ,
f'Santa Marija.
Il-mobile, ftit għejjien, jitħabat mal-aħbarijiet.
Ix-xefaq idendilli l-istedina ...
telfa fih ... fil-bogħod ... fil-kwiet...

Ponn ramel jaqtagħni.

"Sorry!" - tidħaq waħda minn grupp ta' sitt sireni
li ma ilhom xejn li xbejbu...
sormhom ħawħa, bi tbissima felli qamar...
u l-maskji Alfa, bil-logħob territorjali,
jaqbduhom ħa jġorruhom
u juruhom x'inhi l-imħabba.

"Tfajla ta' Tlettax Titlef Ħajjitha"... tittajjar minn żagħżugħ
li ħassu king għax għandu liċenzja.
Awwissu jbaqbaq u s-sewqan mingħajr paċenzja.
Mifxul, ittanta jibqa' sejjer
u nfaqa' m'arblu;
inħareġ mill-karozza minn missierha mitluf,
li ċempel 'l-ambulanza,
li ħadet lis-sewwieq qabel it-tifla,
li mietet ftit wara, f'dirgħajn missierha ssummat,
fuq il-bankina.

"...Qabda Rekord Eroina..."

Sadattant, ta' ħdejja biċ-ċinga maħlula
u l-ħabib, b'żobbu mqajjem fil-qalziet, iġerri jdejh ma' daharha aħmar,
imexxilha l-krema bajda
biex ma taħraqhiex ix-xemx.

"Ħalla Sebgħa u Erbgħin Mejtin"
...wieħed għal kull biċċa minn imsarnu mferrxin
ma' kullimkien,
li ġabruhom bil-pala mis-suq fil-pjazza,
baħar ta' demmu ma' dak ta' sebgħa u erbgħin omm, missier u wild imqaċċat.
Kapuljat.
Eternità mirbuħa għal dejjem ta' dejjem...
"...Sebgħa u Erbgħin Mejtin" bit twemmin... agħar mill-bhejjem...
"Allah hu akbar! Allah hu akbar! Żobb Allahi akbar minn żobb Allahek!"
...ikbar minn tiegħek żgur, issa, ja ħabibi, wara li żżelliġt mal-pjazza...

Tifel ċkejken, jiġri għall-ballun,
faqa' flixkun
moħbi fir-ramel
u, jixher, qed igeżwrulu xugaman ħa jżommulu ftit id-demm.
Sakemm ommu u missieru bil-ħarba jiġbru li hu tagħhom
ħa jaħarbu bih l-isptar,
u zitu żżiegħel bih, tipprova ssabbru, b'sidirha ffurmat iħabbat ma' wiċċu,
u t-tifel iktar jibki
- b'siequ miftuħa ktieb u x-xugaman jegħreq fl-aħmar.
Sas-Sajf li għadda kien għadu tarbija.

"Mimlija, l-Bajja, Sa Ruħ Ommha,
f'Santa Marija"

Friday, July 9, 2010

Lourdes

flimkien
l-eluf inemnmu
au flambeaux
jittalla' t-talb imgedwed
lotterija
lejn is-sema,
jixxabbat
lejn il-Qalb tal-univers
qalbu ttamata li jinstema'

u sadattant
ma' kull "Qaddisa" spissa tal-eluf
tissikket darb' għal dejjem
tarbij' oħra
mġewħa
maħqura
anonima
għax titlob għadha ma tgħallmitx
u li għaliha
l-Ġenna rat għeluqha f'tarf il-ġuf

Tuesday, July 6, 2010

użin

quddiem għaxar miljun kelma
jdendlu lsienhom
b'qima ta' 'nkoronazzjoni
f'rit beżlieq b'venerazzjoni

quddiem għaxar kelmiet qsajra
jqarrsu wiċċhom
u jaqtgħuha li l-kelliem
għad ma rabbiex is-sens tal-kliem
imma, mifxul, ħabat mat-tmiem

Monday, June 28, 2010

agħar mid-dell

Fil-għama nitgerbu fis-sħab, 'il quddiem,
bit-toqla tal-imgħoddi mal-għekiesi;

u l-issa dejjem magħna, agħar mid-dell
jobromna, jaħarbilna...
jiddieħak,
jitnejjek,
għax qatt ma mmiddu jdejna kollha fuqu.

Saturday, June 5, 2010

मौन (skiet)

iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
iskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskotiskot
u tisma' l-eternità

Monday, May 31, 2010

leħħa ta' mument

F'leħħa mħarħra ta' mument
għalaqt għajnejk
u għebt quddiemi,
b'ċajta funebra, ironika:

jiżżewwaq
il-ferment tal-ħajja tagħna
bid-diqa
tat-torment t'għeluq ħaddieħor.

Tbissimt
għal leħħa mitlufa ta' mument
sakemm bkejt
u komplejt
il-mixja
b'tiżwiqa
ħelwa-morra,
b'barżakka kemm kemm itqal.

Saturday, May 29, 2010

iddur il-pellikola

iddur il-pellikola
għalina wkoll, in-nies bla wiċċ
li lbiesna ma jgħajjatx;

li mat-twelid tpoġġejna
direttur, attur, udjenza,
quddiem nett
mal-liżar tal-kuxjenza
ta' ħajjitna;

li fi ftit żmien
ser nintesew
bħan-nefħa ta' nifs sħun mal-ħġieġ fix-Xitwa;
nevaporaw u x-xemx tibqa' titla'
għax trab konna w trab insiru;

imma, għalissa,
iddur il-pellikola

Tuesday, May 25, 2010

Ħajku 45

baga f'wiċċ il-mewġ..
daqqa fuq u daqqa taħt,
tbaħħar l-ilmijiet

Sunday, May 23, 2010

festa

Viva l-Qaddis
fuq pedestall
ta' banda, birra, logħob tan-nar
-- spalankalna
bieb il-Ġenna
li xtrajniha
b'ġabra bieb bieb
u b'demm il-Martri
- "Agħtihom il-mistrieħ" -
li tqattgħu biċċiet
mid-delizzju
u li sabu l-Ġenna
fis-santa li għamlulhom,
b'wiċċhom stampat
taħt il-Qalb ta' Ġesù
jitbissem,
forsi ftit imbikkem,
għax dis-sena
tan-naħa l-oħra
ġabru iktar

għożża

fetħet,
fewħet, lewnet
meta nżergħet;
ix-xita sqietha,
ix-xemx temgħetha,
l-iljieli dewquha l-kenn,
is-satra, l-hena, l-għera, l-għata..

bix-Xitwa, bil-kiefra Xitwa,
fjurha għeb;
ħaraqha r-riħ;
zokkitha xrief, mikul, immarrad

għeruqha biss baqgħu;
midfunin, mifruxin;
mafkar ta' meta darba, darbtejn, warrad

Thursday, May 13, 2010

Ħajku 44

u kemm-il darba
s-sillabi jispiċċawlna
qabel naraw it-

Wednesday, May 12, 2010

Ħajku 43

Loqma f'wiċċ l-ilma;
jiġri l-kurrent 'il quddiem,
f'mogħdijiet ġodda.

Sunday, May 9, 2010

Aħna

jiena, inti
leħħa
fl-imżewqa rakkonti tal-Bniedem;
il-Bniedem qatra
fil-baħar imqalleb tad-Dinja;
id-Dinja tikka
f'mixgħela fl-immens tal-Ħalbija;
l-Ħalbija traba
fil-kobor bla tarf fis-sema

U xorta nħossu li l-ħolqien
qed idur magħna.

Monday, May 3, 2010

feniċe

     feniċE
    feniĊ
   fenI
  feN
 fE
F

Saturday, May 1, 2010

Ħajku 42

Fewwaħ, is-sagħtar,
maġenb widnet il-baħar,
u sama' ċ-ċafċif.

Kantaliena

u jitla' w jinżel,
iċ-ċafċif,
u jitla' w jinżel;

jiġu u jmorru,
il-jiem tal-ġimgħa,
jiġu u jmorru

bħall-istaġuni;
imorru w jiġu
bħall-istaġuni

u x-xemx u l-qamar;
jaħmu u jberrdu,
ix-xemx u l-qamar.

Waqgħet hi, mrammti!
W'erġ'ibni!, qallu,
w'erġ'ibni mrammti!

'mma l-ġebel għosfor!
B'miljun ċafċifa,
il-ġebel għosfor;

iċ-ċafċif ġarru;
ix-xemx kidditu
u ċ-ċafċif ġarru

u baqa' r-ramel;
fejn kien il-ġebel,
baqa' biss ramel

għat-taħlita...

Thursday, April 29, 2010

Ħajku 41

Bi ftit riħ intfiet
u ħalliet serbut duħħan
riħa ta' xama'.

Tuesday, April 27, 2010

Tanka 5

Max-xamma ħarab
b'deni qawwi għat-trofew
tal-ewforija
biex meta, fl-aħħar, laħqu
l-aptit parpar band'oħra.

Saturday, March 27, 2010

Taħna

ħrabna
għall-arja
mill-moffa ġenniena
w l-għajat
tal-passat
u t-tradizzjoni

ir-rota bdilnilha l-kulur

meta ndrat
tqallibna fis-sodda
mas-superstizzjoni
bħall-ħmira u d-dqiq
u twaħħadna;
r-ribelli libbsuh il-ġojjelli
meddewh artal
libbsuh mantar
u reġa' ġie mgħammed

Tuesday, March 16, 2010

Galassji w mewġ il-moħħ

Ir-Ramla, fix-Xitwa,
battala
‘mma fiha jitkebbsu,
ġo moħħi,
għexieren ta' ljieli
għaż-żiffa
Sajfija,
nitkellmu dwar kollox:
is-sema, l-art, l-ilma,
dwar l-ivvjaġġar bla nifs tal-kontinenti,
l-evoluzzjoni, l-ħajja, w jekk hemmx milja.

U mgħaġġba, fis-sema
nintilfu
b’għajnejna, inħufu
mal-kwiekeb,
biljuni ta’ kwiekeb
imkebbsa,
dejjiema,
jiftakru minn kollox;
u, tgħid, minjaf x’jgħidu
bejniethom, f’dak il-baħar ta’ stennija
sakemm jaslilhom, bħalna, filgħaxija?

Tanka 4

Il-ħolm ambizzjuż
u storbjuż taż-żogħżija,
rebħ u suċċessi,
postu ħallih lil ġemgħa
kwieta ta' kompromessi.

Monday, March 15, 2010

Ħajku 40

Nitilqu ntellqu
mal-ħajja u nintemmu
f'tellieqa mal-mewt.