Wednesday, July 11, 2012

Tfuliti

Fejn marret tfuliti ma nafx ngħidlek. Bdiet tidbiel
mal-manna muta mqarba tal-istazzjonijiet
Sqallin; mat-tiċlis abjad, bil-moħbi,
tat-Tipp-Ex, u l-graffiti bil-kumpass mal-bankijiet
tas-sekondarja; mal-mistoqsijiet u d-dubji
dwar Alla; man-nifs riħa ta' qrusa ta' Paceville.

Spiċċat, ftit, ftit, bħad-dinosawri u l-posters
tas-Safari, tal-ispazju, tad-dinja mill-qamar,
li minnhom baqa' biss id-dbabar somor
u ż-żebgħa mqaxxra. Tferrxet bla sabar
mill-istaġuni. Telqet ma' Schillaci lejn ħoġor
il-Magħtab u ndifnet mal-univers

ta' He-Man. Xi ftit bħal Ikaru nħallilna r-rix
u baqa' biss biċċiet ta' tifkiriet
ħelwin li ġibed missieri bis-ciné siekta, illum miġburin
gozz fuq DVD bil-pjanu patetiku bħal tat-tiġijiet,
u r-ritratti riħa ta' boċċi tal-kamla, miġbudin
minn min fihom ma jidhirx.

Thursday, May 10, 2012

Tajruh

Tajruh
u ħallewh hemm– għal riħu...
jonfoħ ruħu mżiffna fl-għabra fgata
ggranfata ma' snienu,
fix-xemx ikkargata ta' waranofsinhar.

Tajruh
u ħallewh hemm– mixrub min-nixfa;
qasam riħ u ma ndunawx
ħlief għall-iskoss u l-ħoss t'għadmu mirkub.

Tajruh
u ħallewh mgħattan mil-longa mħeddla,
Mitluf min-nifs fin-nixfa tar-riħ jokrob,

sakemm reġgħu tajruh u
ħallewh hemm–

sakemm ħa lewn it-trab
u għadmu mqarqaċ ħadu r-riħ u nefħu miegħu

bla mistriħ.

Tuesday, May 8, 2012

vita brevis

I.
It-tertuqa tinxtegħel.
Tagħti l-kulur lil-liżar.
Tixgħel ħajjin
il-ħsibijiet,
it-tamiet,
ix-xewqat,
il-beżgħat.

Il-kwiekeb mifruxa fis-sema jkellmuk
mar-rima tar-riħ.
Mill-għoli sal-qiegħ
jitlewnu mnifsejk.
Qalbek tinħaraq:
bħax-xemx tneffaħlek xofftejk.

Ir-rota ddur.
Fil-linji ta' jdejk il-futur
biex tinqata' u togħla.


II.
Il-ġewnaħ jinħall.

It-tertuqa tinħaraq.

Tiddaħħan fix-xejn
bħan-nefħa ta' nifsek mal-ħġieġ:
inviżibbli maż-żmien li nkejluh fuq miżien
bejn l-imgħoddi,
l-ġejjieni.

U l-preżent jogħtor.
Jitgerbeb bl-amment.
Għami għaz-zokkor u x-xewk
bejn twelidek u l-mewt.

Monday, May 7, 2012

Ħajku 49

balluta l-qedem;
żmien mifrux sa truf id-dell;
tikseb għomorha

Monday, April 23, 2012

Baħħar

Fil-ksieħ u l-kalma ta’ kxif il-għodwa,
bil-pipa titqabad mat-togħma ta’ rqad,
b’għajnejja mkebbsin,
ma’ tnejn imrawmin,
fuq sema titmattar żernaqt.

Il-qoxra writtha maż-żmien,
mal-kallijiet ta’ kelb il-baħar,
ma’ ġildti li rat sitt tużżani staġuni
ta’ melħ, xemxati u sried.

Il-jiem niddendel fuq żaqq il-ħajja,
inbandal żmieni skont iċ-ċafċifa
għal ruħ dawk li ntilfu, f’Rebbiegħa u Ħarifa -
inbelgħu mill-Waqt.

Mal-kolp ta’ ħalla, fin-nofs tal-ibħra,
jidwi t-twaħħix ta’ li nbeżqu fil-baħħ;
f’moħħi mwerżqin;
fl-imgħoddi msakkrin;
f’baħar li jitlef ma jafx.

Stenbaħt bil-ħasda w erġajt mill-ħolma;
b’żuffjett xejħuni, irmewli l-boxxla

U stenbaħ il-baħar - sploda jinkorla;
kelb rieqed, qam.

Smajt il-Għanja qed toqrob lejja;
kull bidu mitmum, biss,
miktub mhux mitluf;
dil-lanċa, bħall-ġarra li ġejja u sejra,
tmiemha rat.