Monday, August 19, 2013

Frotta, frotta

Għenba, għenba
mwarrba,
riekba l-ilma ġieri
tal-maltemp,
tissara
biex max-xemx
tistenbaħ
fejn
sal-lum
rawh biss
għajnejk magħluqa

Sunday, June 2, 2013

Għad-dell

Ersaq qrib. Inxteħet hawn
għad-dell, taħt iċ-ċipress;
ħanxar is-skiet.

M’jien xejn għalik
ħlief dieqa t’isem b'data
mnaqqax fil-granit
mal-fdalijiet ta’ wiċċ maħsul
fil-kuluri tal-maltemp u tal-kubrit.

Kellimni ftit
dwar it-togħma tal-inbid,
u r-ramel jiġri minn ġo' l-id.

Fakkarni ftit
fir-riħa tal-ward jinbet;
fil-ħobż mixwi;
f'mewġ iħabbat eżawrit.

Fakkarni
fil-bebbux maħsul bix-xita;
fid-dmugħ jinġibed 'l isfel;
fir-riħ jibki l-ewwel bikja tat-twelid.

Ersaq qrib; wennisni
bin-nifs jaħraq mit-tiġrib.
Għidli ftit
bix-xemx tinħall
fi lwien il-baħar u s-sadid.

Kellimni dwar l-uġiegħ
tal-ħlas;
in-nifs maqsum
bid-daħq;
it-tmellisa ta’ kafè fil-ksieħ;
nisġa ta’ vjolin li tmiss il-qiegħ;

kif tintilef tgħodd il-kwiekeb
meta l-qamar ma joħroġx;
dehxa ttellaq mal-irkiekel
biex qalbek ma torbotx;
iljieli ma torqodx;

jew kif tisbaħ għad-dawl jiżfen
minn ġol-lożor,
wara l-ġlied,
bir-rogħda tal-imħabba,
itterter mingħajr ksieħ.


Inxteħet hawn,
għad-dell, taħt iċ-ċipress...
ingħafas mal-ħamrija li tifridna
forsi qalbek ittambar
tagħtini l-ħabel.

Friday, April 26, 2013

Qiegħ kikkra

Fosos taz-zokkor ibbuzzat
fl-iskorċa qoxqox ta' kafè abbandunat;
sema kwiekeb.

Wednesday, April 24, 2013

Kustat id-dinja

Poeżija
tgħarraq subgħajha f'kustat id-dinja
forsi twarrad dielja.

Wednesday, April 10, 2013

Ir-Rambo

Ir-Rambo ismu ntesa.

Għammduh il-bandli sħabu l-poxtijiet
għax qisu suffarell, ftit sempliċi
u b'ħarsa li ma tafx iżżomm sigriet,
b'filliera snien arkeoloġiċi
ta' xkaffa kotba li neżżagħha r-riħ.

Niftakru, sa minn qabel il-preċett,
imqarben rasu sa saqajh fit-trab
b'ritratt ta' Mintoff ta' żmien l-Interdett
ma' dahru, jdur b'riġlejn eħfef mis-sħab
is-sqaq ta' wara l-knisja: jinvadih,

jispara b'subgħu dritt fuq min jinzerta
bil-vintura jaqa' taħt għajnejh,
jipponta bil-werrej ħalli jaċċerta
qatla, waqt li jvenven minn griżmejh:
"Ħaa, int, x'ed tagħmel haw'?! Tf-tf-tfff!"

--Għassa 'l hemm, Rambo-- jweġbuh, kultant
jagħlqulu ħalqu b'bieba ħobż tal-Malti,
kultant b'daqqa ta' sieq li tkebbu s'għand
in-nanna li rabbietu, tgħix għall-pjanti
u għalih. --X'għamlulek?-- tistaqsih
bla ma tistenna wisq.
**
Kont ili s-snin
ma nersaq lejn l-inħawi fejn trabbejt
u r-Rambo kont insejtu, bl-azzarin.
Ilmaħtu jħuf bħal dejjem; lura ġejt
għall-funeral tad-Dom. "Tf-tf-tfff!"

"Ħaa, int, x'ed tagħmel haw'?!", għax m'għarafnix.
U ma ntihx tort, bil-qalziet skur spjanat,
żarbun ippolixjat, u xogħol li jħallas
kemm jifdini, kemm nibqa' lluppjat.
Jilmaħni. Jersaq lejja. Ma jiġrix.

"Ħaa, int, x'qed tagħmel haw'?!", jerġa' bl-attakk.
--Xej', Rambo. Nħares lejk-- ippriservat
ġo dinja dejjem tlebbet. Id-distakk
tas-snin iddisturbat
minn subgħak dritt. "Xej'?! Ja beżżiegħ!"

--Xej', Rambo.-- U b'għajnejh daqsxejn dojoq
bilmod jittimbra l-passaport u jniżżel
subgħu 'l isfel, li jfisser li, fit-toroq,
għal għajnejh m'għadnix neżisti.

Naħsel nibda se nitħassru, kif inhu.
Imbagħad naħsel għal waqtiet nixtieqni hu.