Thursday, August 10, 2017

niżlet, l-aħħar dar

niżlet, l-aħħar dar;
niżlet għarkupptejha
tqalleb fiż-żrar
għall-pedament
tal-kmamar muti s-snin
li issa ntwew

stennewha
tfarfar laħamha minn bejn ix-xorok
u l-kustilji tal-injam tal-aħmar li
therrew, għejjew
iġorru r-riħ isfel u x-xita tal-Jannarijiet u t-tifkiriet
li ħadd ma jrid

niżlet, ħalliet toqba,
anzi, ħofra
f'qalb it-triq li se titwessa'
biex għal ftit
in-nies titlaq tard u tasal fil-ħin;

u l-ġnien, bin-naħal, naspli, u larinġ,
se jinbidel f'parkeġġ mielaħ
ta' tliet sulari tubi bojod u sardin 

Tuesday, August 8, 2017

trid nibnu arka?

trid nibnu arka u naħarbu
u fl-arka nħarrbu s-sagħtar ħa jkattar
kif jogħġbu
u mill-bogħod
mill-baħar fond u tond
inkullat ma' dil-gżira
b'għajnejna mgħammxin naraw
din l-art ħelwa tinxtewa
qoxqox fil-qilla tax-xemx,
taqbad ħuġġieġa sas-sema, tinħaraq sewda sal-blat
jinħallu l-glaċeri
u jibagħtu qawwija
l-armata bajda bir-ragħwa f'ħalqha
ħa tifqa' w tkaxkar magħha l-griż
u l-mitfi u li jleqq u li jdarras
u t-toroq u d-djar u l-ħama w l-irmied
u ż-żobb t'ekonomija marida bil-fwied--

imbagħad nistennew
u nsalpaw
bilmod
lura,
nilħquha titmattar għad-dawl l-ewwel fjura

Thursday, August 3, 2017

X'inhu l-qamar?

"Papà, x'inhu il-qamar?"
taqbadni fuq sieq waħda kif taf int.
Il-kliem jisforza jqum mil-labirint
li ilu msakkar żmien. "Il-qamar ... tond ...
bħal mhija d-dinja; magħha vagabond.
Jittajru fl-iswed dawn il-ġiex ħaġriet
fejn storbju ma tismax, dejjem fis-skiet.
Jitgħannqu bla ma jmissu lil xulxin.
Jinħabbu, jilgħabuha t'għajjurin.

U l-qamar kbir, kbir ħafna, imma żgur
li daqs ix-xemx m'huwiex, għalkemm sinjur
tas-sema magħha: tgħammxu u tagħmih
għax hu daqsxejn bajdani; id-dwal ittih
biex jara jimxi anke f'nofs ta' lejl
met' hi tinħeba wara s-siġar fejn
jinbtu l-muntanji, b'borra w xita rxiex:
jidhrulna ħafna kbar, imma m'humiex--

"Ok. Nistgħu immorru ħdejh?"
"Xiex? Nimxuha?" "Eħe."

Nistgħu ... jekk trid ... nibnu sellum flimkien
bil-Lego, bil-kuluri li jogħġbuk,
u sakemm titla' nżommlu saqajh jien
ħa tieħu l-qamar: saqajk żgħar ituk.
Nibqa' nistennik hawn, għax ftit għejjien
u l-qamar qed narah dejjem jiċkien.

Thursday, June 22, 2017

Meta mietlek Alla

meta mietli Alla
ma bkejtux
għax qatt ma kien tiegħi

meta mietlek Alla
bkejtulek
u bkejtek
għax mittli miegħu

Saturday, May 20, 2017

deadlines

ħbejt ir-riħa tal-laħam fuq il-fwar
bil-bakketta tal-inċens,
u ħallejtkom tirtiraw ... "aħjar
nitilgħu" ... Stennejtu jsaffar, il-misħun:
kumpanija, filgħaxija

ma' nofsillejl sakkart il-qamar
barra; in-nagħas il-wens,
mar-riħa ta’ ħwejjiġkom tajjar
fil-banju tal-plastik maqsum,
jistennew il-mogħdija