Thursday, August 3, 2017

X'inhu l-qamar?

"Papà, x'inhu il-qamar?"
taqbadni fuq sieq waħda kif taf int.
Il-kliem jisforza jqum mil-labirint
li ilu msakkar żmien. "Il-qamar ... tond ...
bħal mhija d-dinja; magħha vagabond.
Jittajru fl-iswed dawn il-ġiex ħaġriet
fejn storbju ma tismax, dejjem fis-skiet.
Jitgħannqu bla ma jmissu lil xulxin.
Jinħabbu, jilgħabuha t'għajjurin.

U l-qamar kbir, kbir ħafna, imma żgur
li daqs ix-xemx m'huwiex, għalkemm sinjur
tas-sema magħha: tgħammxu u tagħmih
għax hu daqsxejn bajdani; id-dwal ittih
biex jara jimxi anke f'nofs ta' lejl
met' hi tinħeba wara s-siġar fejn
jinbtu l-muntanji, b'borra w xita rxiex:
jidhrulna ħafna kbar, imma m'humiex--

"Ok. Nistgħu immorru ħdejh?"
"Xiex? Nimxuha?" "Eħe."

Nistgħu ... jekk trid ... nibnu sellum flimkien
bil-Lego, bil-kuluri li jogħġbuk,
u sakemm titla' nżommlu saqajh jien
ħa tieħu l-qamar: saqajk żgħar ituk.
Nibqa' nistennik hawn, għax ftit għejjien
u l-qamar qed narah dejjem jiċkien.

No comments:

Post a Comment