Tuesday, September 17, 2019

scuba

Wiċċek għad-dawl, tintelaq
għal dahrek mix-xifer,
qagħda ta' fetu,
idek tisqik
il-kurdun
bl-ossiġnu,
bin-nifs.

Tinżel.



Blu.

B'rasek
tifqa' l-ilma,
dehxa tgħannqek, ġismek kollu.

Tuesday, September 10, 2019

Pelican lights

Lemin-xellug-lemin
ngħassu flimkien mill-pelican lights oranġjo:
siġriet tal-ħelu,
togħma tal-ilwien ta' meta konna tfal.
Subgħajk żgħar jordmu 'l tiegħi fil-ġulġlien.

Pass wieħed
mal-bagalja tal-iskola - bejn wieħed u ieħor roża -
titqabbeż u tiżżeffen - iktar! ogħla! -
bħal leħnek frisk
u xagħrek marbut biż-żigarelli vjola.

Malajr wisq ninkaljaw
mal-bankina ta' faċċata
u subgħajk qed jidraw
jiżżarrdu wisq, wisq malajr
u f'ħin wisq, wisq qasir
minn għoqda tal-ħarir.

Tegħreq f'biżibilju basktijiet
ta' kull forma u kulur
u nilmaħ biss il-malji:
żewġ ħalliet.

Bilmod il-mod
l-istorbju, l-ġenn, idub, isib il-kwiet.


Nixtieqni kont bankina,
  nistennik
    xemx,
      riħ,
        jew xita,
  ħa terġa' tirfes fuqi l-ewwel art

Il-pelican light reġina
rasha mikula mill-bnazzi u l-bard;
ilha li tilfitu r-ritmu
taħt skorċa nugrufun dejjem tiswied.

Kwart' oħra xogħol, rutina
ta' tliet kwarti biex nasal,
u tard illejla, għal darb' oħra,
ix-xemx se terġa' tongħos tistennini;
għajnejha nar jintfew fid-dlam u s-skiet.

Sunday, September 8, 2019

L-awrat li nifed

L-awrat li nifed il-gaġġa saq b'kemm Alla tah
saħħa lejn il-vojt imdardar blu fil-griż;
ġgajta Alla jberikha.

"Int taf fejn sejra, hux?"
staqsiet it-tieni waħda minn quddiem
lill-bdot truxamuta ta' quddiemha
f'nofs mass meeting ifferoċjat. Ifittxu l-ġenna
ta' miljun fossa tfexfex fl-ilma baħar ikkargat.
"Art jew ilma?"
-
U sabu ġgajta rġiel tal-qagħda, bħal Ġanni l-Ġolf,
li tawhom daqqa t'id jitilgħu l-art
u mill-fond ta' qalbhom tawhom saqaf
u sodda fejn jistrieħu.
-
Awrat riħa ta' baħar, riħ u xita.
simmetriku perfett,
il-pjuma mrewħa mgħaddma
kuruna tax-xewk spjanata, farfett bl-arkett
iggranfat mal-art li jaf.

Ġanni l-Ġolf jimsaħ is-sugu ma' subgħajh
fil-qalziet aħmar skur tal-kordoroj.
B'ilsienu jindokra pustumetta
daqs zuntier li ilha xitwa sħiħa tkiddlu l-intern.
Jaħlef li se tinfidlu sal-gangala.

Merqtux, lumi u kappar nirien l-infern.

Thursday, September 5, 2019

Paċi

Ħamiema rifset l-arja bi ġwinħajha,
rikbet l-ajru frisk fejn tal-ġelat
jassedja Baħar iċ-Ċagħaq,
isir tofija tal-larinġ
tisqi z-zokkor lin-nemel,
biżibilju nemel,
maġenb biżibilju fosos ilellxu
iċafċfu f'wiċċ il-baħar aħdar ikanġi fis-sema.

Rixa nħallet, firxet ruħha għar-riħ
u sabet ruħha ttir waħidha.
Innegozzjat inżulha ma' biżibilju
molekuli tal-arja
li nefħulha f'widnejha,
bħal meta tiġi minn warajja, tkellimni bil-ħlewwa,
u bilmod twassalni l-art.