Tuesday, September 10, 2019

Pelican lights

Lemin-xellug-lemin
ngħassu flimkien mill-pelican lights oranġjo:
siġriet tal-ħelu,
togħma tal-ilwien ta' meta konna tfal.
Subgħajk żgħar jordmu 'l tiegħi fil-ġulġlien.

Pass wieħed
mal-bagalja tal-iskola - bejn wieħed u ieħor roża -
titqabbeż u tiżżeffen - iktar! ogħla! -
bħal leħnek frisk
u xagħrek marbut biż-żigarelli vjola.

Malajr wisq ninkaljaw
mal-bankina ta' faċċata
u subgħajk qed jidraw
jiżżarrdu wisq, wisq malajr
u f'ħin wisq, wisq qasir
minn għoqda tal-ħarir.

Tegħreq f'biżibilju basktijiet
ta' kull forma u kulur
u nilmaħ biss il-malji:
żewġ ħalliet.

Bilmod il-mod
l-istorbju, l-ġenn, idub, isib il-kwiet.


Nixtieqni kont bankina,
  nistennik
    xemx,
      riħ,
        jew xita,
  ħa terġa' tirfes fuqi l-ewwel art

Il-pelican light reġina
rasha mikula mill-bnazzi u l-bard;
ilha li tilfitu r-ritmu
taħt skorċa nugrufun dejjem tiswied.

Kwart' oħra xogħol, rutina
ta' tliet kwarti biex nasal,
u tard illejla, għal darb' oħra,
ix-xemx se terġa' tongħos tistennini;
għajnejha nar jintfew fid-dlam u s-skiet.

No comments:

Post a Comment